top of page

WDFPF World Single Lifts - Bench press u Deadlifts

  • Writer: Maria Debono
    Maria Debono
  • Jun 6, 2018
  • 2 min read



Il-Malta Drug-Free Powerlifting Association organizzat il-Kampjonati Dinjija tas-Single Lifts fi ħdan il-federazzjoni tal-World Drug-Free Powerlifting fl-1, 2, u 3 ta’ Ġunju 2018. Din il-federazzjoni ilha taħdem bla waqfien mal-assoċjazzjoni ta’ Malta biex dawn il-kampjonati jkunu ta’ suċċess.


Il-kampjonati nqasmu fuq tlett ijiem; il-Ġimgħa kien hemm l-isquat, is-Sibt il-bench press u l-Ħadd d-deadlift. Ikkompetew madwar 300 atleta, 13 minnhom minn Malta. B’kollox kien hemm ‘il fuq minn 450 refgħa fuq dawn it-tlett ijiem.


Il-powerlifters li rrappreżentaw lil Malta kellhom numri sbieħ fuq din il-pjattaforma internazzjonali. Naomi Portelli li kienet fil-kategorija tat-Teenager 3, u Fabiana Bermudez ikkompetew fuq it-tlett ijiem sħaħ, waqt li atleti oħra għażlu refgħa partikolari waħda jew tnejn. Sean Galea għalaq bi squat b’197.5kg, waqt li Cleaven Cutajar issielet ma’ 235kg squat. Rekords mondjali ġew miksura matul dawn it-tlett ijiem, u Malta kisbet rekord mondjali ieħor ma’ din il-federazzjoni permezz tal-atleta Cedric Vella li għamel 240kg fid-deadlift fil-kategorija tat-Teenager 2 taħt il-125kg. Luke Bonanno li m’ilux jittrennja dan l-isport ipprova r-raba’ attentat fuq l-isquat biex jikser rekord mondjali taħt il-kategorija tal-75kg, iżda fallieh bi ftit. Kurt Degorgio, żagħżugħ 20 sena refa’ benchpress ta’ 100kg taħt il-kategorija ta’ taħt is-56kg. Katerina de Mortanges li kienet qiegħda tirrappreżenta lil Malta s-Sibt u l-Ħadd għamlet 62.5kg u 142.5kg rispettivament. Josef Spiteri għamel benchpress ta’ 170kg waqt li Daniel Debono refa’ 200kg fid-deadlift. L-assoċjazzjoni ċerta li din il-kompetizzjoni serviet ta’ iktar motivazzjoni għall-atleti biex itejbu n-numri tagħhom u jagħmlu aktar unuri għal Malta fix-xhur li ġejjin. Ta’ min isemmi li l-atleti li rrappreżentaw lil Malta kollha kisbu rekords nazzjonali minħabba li kompetizzjoni tas-Single Lifts qatt ma ġiet organizzata fuq livell nazzjonali, iżda se tiġi organizzata waħda nazzjonali f’Diċembru li ġej. Importanti wkoll li wieħed jgħid li f’dawn il-kampjonati ġew ittestjati 26 atleta għad-doping.


In-nazzjon rebbieħ ta’ dawn il-kampjonati kien l-Ingilterra, fit-tieni post il-Maldova, u fit-tielet post l-Irlanda. Il-Malta Drug-Free Powerlifting Association tixtieq tirringrazzja lill-President tal-Federazzjoni, Wim Backelant flimkien mal-bqija tal-kumitat, ir-referees, il-persuni li għenu fl-ispotting u l-loading, il-familarji u ħbieb li kienu ta’ sapport, u lill-atleti barranin u Maltin kollha li kkompetew li għaddew feedback pożittiv ħafna kemm fuq Malta kif ukoll fuq il-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, l-MDFPA tixtieq tirringrazzja lill-isponsor prinċipali tagħha Remax Malta talli għażlu li jissapportjaw l-isport tal-powerlifting f’Malta.


Għall-bidu ta’ Settembru, l-MDFPA se tkun qiegħda torganizza l-Kampjonati Nazzjonali ta’ Malta. Kull min hu interessat li jibda dan l-isport għandu jibgħat email fuq mdfpa.wdfpf@gmail.com sabiex jitgħallem l-isport x’jinvolvi u l-benefiċċji tiegħu.

 
 
 

Comentarios


bottom of page