WDFPF World Single Lifts - SQUAT
- Maria Debono
- Jun 1, 2018
- 1 min read
Updated: Jun 6, 2018
Bħalissa għaddejjin il-Kampjonati tas-Single Lifts fi ħdan il-World Drug-Free Powerlifting Federation. Illum kien hemm ir-refgħa tal-isquat, għada se jkun hemm il-benchpress, u l-Ħadd id-deadlift.

15-il atleta mill-Assoċjazzjoni tal-Malta Drug-Free Powerlifting qegħdin jikkompetu matul dawn it-tlett ijiem. Ir-riżultati tan-nisa li rrappreżentaw lil Malta kienu Alexia Debattista b’refgħa ta’ 92.5kg, Sandra Carroll b’100kg, Fabiana Bermudez b’105kg, u Naomi Portelli b’refgħa ta’ 110kg.
L-atleti Maltin komplew iġibu riżultati tajbin, b’215kg ta’ Cedric Vella, 165kg ta’ Luke Bonanno, refgħa ta’ 197.5kg ta’ Sean Galea u l-ikbar refgħa tal-ġurnata għall-Maltin kienet 235kg ta’ Cleaven Cutajar. Dawn kien kollha rekords nazzjonali għaliex kienet l-ewwel darba li l-Maltin ħadu sehem f’kompetizzjoni speċifikament fuq lift waħda. Tajjeb ta’ min wieħed isemmi li għall-ewwel darba din is-sena għall-bidu ta’ Diċembru se jsiru kampjonati nazzjonali tas-Single Lifts, iżda bħalissa l-Malta Drug-Free Powerlifting Association qiegħda taħdem bla qatigħ għall-Kampjonati Nazzjonali fuq it-tliet refgħat f’daqqa magħrufa wkoll bħala l-Full Power.

Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jiġi jara dawn il-kampjonati dinjiji li qegħdin jiġu organizzati mill-Malta Drug-Free Powerlifting Association, is-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ Ġunju f’Beach Garden Hotel, faċċata tal-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. L-atleti jibdew jerfgħu għall-ħabta tal-11am.
Minn hawnhekk l-MDFPA tixtieq tirringrazzja lill-ispotters u l-loaders kollha li għamlu xogħol tajjeb ħafna fejn ħadu kull prekawzjoni biex l-ebda atleta ma jweġġa'. Tirringrazzja wkoll lil dawk li għenu fl-armar u naslu s'hawnhekk issa. Nirringrazzjaw ukoll lill-isponsors tagħna, ir-Remax Malta tal-għajnuna tagħhom, lil Technoline taċ-ċertifikazzjoni tal-imwieżen, u lill-All Nuts tal-platforms.
Għall-aħħar jumejn li ġejjin, l-aħwa!
Ibqgħu segwuna!
Comments