Il-Kampjonati Nazzjonali tat-Timijiet 2018
- Maria Debono
- Mar 30, 2018
- 2 min read
Il-Ħadd 25 ta’ Marzu, il-Malta Drug-Free Powerlifting Association (MDFPA) organizzat il-Kampjonati Nazzjonali tat-Timijiet fil-Cottonera Sports Complex. Ikkompetew total ta’ 22 reffiegħa bi 15-il reffiegħ minnhom maqsumin f’5 timijiet differenti. Biex iħeġġu aktar nisa jikkompetu fil-kampjonat u l-punti jkunu aktar ugwali meta mqabbla ma’ tal-irġiel, l-MDFPA ddeċidiet li n-nisa jkollhom il-punti tagħhom immultiplikati bi proporzjon mal-punti tal-irġiel. Fil-fatt, din il-kompetizzjoni kellha 6 atleti minnhom nisa.
It-tim rebbieħ f’din il-kompetizzjoni kien Schwartz.eneggers, magħmul minn Dylan Callus, Maria Debono u Shawn Farrugia. Fit-tieni post ġew Tjockisar, magħmul minn Daniel Debono, Viktor Månsson u Maria Qvarnström, waqt li t-tielet post intrebaħ minn Crowd Pleaser & co. li kien magħmul minn Cleaven Cutajar, Andrew Zammit Soler u Cedric Vella.
Fil-kategorija individwali tan-nisa ġiet l-ewwel Maria Debono, it-tieni Maria Qvarnstörm, u t-tielet Fabiana Bermudez Belisario. Fil-kategorija individwali tal-irġiel insibu lil Dylan Callus fl-ewwel post, warajh Shawn Farrugia u t-tielet lil Viktor Månsson.

Inkisru numru ta’ rekords nazzjonali. Maria Debono li kkompetiet taħt il-50.5kg kisret l-erba’ rekords nazzjonali tas-Seniors fejn għamlet squat ta’ 105kg, bench press ta’ 62.5kg u deadlift ta’ 145kg. Din ir-reffiegħa qabżet it-total ta’ qabel b’62.5kg iktar. Sandra Carroll, li kkompetiet għall-ewwel darba fil-powerlifting, ħadet ir-rekord nazzjonali ta' taħt it-58.5kg bi squat ta' 97.5kg. Rebecca Scerri li kkompetiet ukoll għall-ewwel darba ħadet ir-rekords kollha tal-Juniors ta’ taħt il-58.5kg bi squat ta’ 77.5kg, bench press ta’ 40kg u deadlift ta’ 87.5kg għal total ta’ 205kg.
Cleaven Cutajar li refa’ taħt il-140kg kiser ir-rekord nazzjonali tal-isquat b’220kg refgħa. Dylan Callus kiser ir-rekords nazzjonali kollha tal-Juniors fil-kategorija ta’ taħt il-125kg b’260kg fl-isquat, 177.5kg fil-bench press u 325kg fid-deadlift għal total ta’ 762.5kg. Cedric Vella kiser ir-rekord tat-Teenager 2 fil-kategorija ta’ taħt il-125kg b’220kg squat, 110kg bench press u 232.5kg deadlift, b’total ta’ 562.5kg. Wiċċ ġdid għall-powerlifting kien Alwyn Cassar li kiser rekords tat-Teenager 2 tal-kategorija ta’ taħt il-100kg, b’refgħa ta’ 140kg fl-isquat, 95kg fil-bench press u 177.5kg fid-deadlift. Matthew Bonanno wkoll kiser erba' rekords nazzjonali fil-kategorija ta' taħt is-67.tat-Teenager 3 bi squat ta' 140kg, bench press ta' 90kg, deadlift ta' 172.5kg, għal total ta' 400kg. Shawn Farrugia kiser ir-rekord nazzjonali tas-Seniors tiegħu stess fil-kategorija ta’ taħt il-75kg b’refgħa ta’ 147.5kg fil-bench press.
Waqt il-kompetizzjoni ġew imfakkra Joan Dutton u Daryl Aloisio li tilfu ħajjithom fil-ġranet li għaddew. Joan Dutton hi omm id-Doping Control Officer, Steve, fi ħdan il-kumitat tal-MDFPA. Daryl Aloisio, li għalkemm qatt ma kkompeta powerlifting, kellu għal qalbu il-gym, fejn kien jittrennja ma’ diversi atleti tal-powerlifting.
Din il-kompetizzjoni kienet ta’ suċċess u ntlaqgħet tajjeb ħafna. Fil-bidu ta’ Mejju li ġej reffiegħa mill-MDFPA se jitilgħu jirrappreżentaw lil Malta għall-Kampjonati Ewropej f’King's Lynn, l-Ingilterra. Serviet ukoll bħala qualifier għall-kompetizzjoni li se ssir fil-bidu ta’ Ġunju li ġej tal-World Single Lift Championships fi ħdan il-World Drug-Free Powerlifting Federation fejn se jkunu qegħdin jikkompetu diversi atleti tal-powerlifting minn madwar id-dinja kollha. Din se tiġi organizzata mill-MDFPA u se ssir f’St. George’s Bay Hotel. Tajjeb li wieħed isemmi li ġew ittestjati minn NADO, 4 mill-aqwa atleti ta’ din il-kompetizzjoni għad-doping biex inżommu dan l-isport nadif u fair.
Comentarios