Il-Kampjonati Ewropej 2018 f'Kings Lynn, l-Ingilterra
- Maria Debono
- May 7, 2018
- 2 min read
Is-Sibt u lbieraħ il-Ħadd, 5 u 6 ta’ Mejju saru l-Kampjonati Ewropej tal-Powerlifting f’Kings Lynn fl-Ingilterra fejn tela’ kontinġent Malti magħmul minn Nathalie Agius, Ryan Agius, George Bonanno, David Ellul u Mark Formosa. Dawn il-5 reffiegħa kkompetew fil-kategorija miftuħa u lkoll kisbu numri tajbin għal pajjiżna.

Nathalie Agius ikkompetiet għall-ewwel darba barra minn Malta f’dan l-isport u ġiet ir-raba’ mill-kategorija tagħha ta’ taħt it-63kg bi squat ta’ 87.5kg, benchpress ta’ 55kg. Agius qiegħda biss ftit numri ‘l bogħod milli tagħmel benchpress daqs il-piż ta’ ġisimha. Hija ġibdet deadlift ta’ 102.5kg u għalhekk ifisser li għamlet total ta’ 244.5kg. Għandna naraw in-numri ta’ din l-atleta jitilgħu ħafna aktar fix-xhur li ġejjin biex bil-mod il-mod issib postha fil-quċċata tal-aħjar atleti femminili fil-powerlifting f’Malta.
Meta wieħed iqis li David Ellul m’ilux ħafna fl-isport tal-powerlifting, sejjer tajjeb ħafna. Fil-fatt, Ellul tejjeb id-deadlift b’5kg iktar mill-aħħar kompetizzjoni ta’ ftit xhur ilu, b’ġibda ta’ 150kg. Ellul ikkompeta taħt is-67.5kg fejn ħa t-tieni post. Għamel ukoll squat ta’ 105kg u benchpress ta’ 85kg.
Il-Ħadd kien imisshom jikkompetu Ryan Agius, George Bonanno, u Mark Formosa. George Bonanno li kkompeta taħt id-90kg refa’ 192.5kg, 140kg, u 220kg, fl-isquat, fil-benchpress u fid-deadlift rispettivament. Bonanno, li wkoll kkompeta għall-ewwel darba barra minn Malta kiseb it-tielet post fil-kategorija tiegħu. Bonanno hu atleta kwiet u ġentili b’saħħa li tissorprendik.
Ryan Agius li kkompeta taħt il-100kg hu atleta li dejjem immotivat għal aktar. Refa’ squat ta’ 215kg u 137.5kg fil-benchpress. Agius ipprova il-142kg fit-tielet attentat tal-benchpress iżda b’xorti ħażina ma qalagħhiex minn isfel fil-kmand tal-“press”. Ċertament li Agius ħa jibqa’ jħabbrek biex il-benchpress itellagħha fix-xhur li ġejjin. Agius baqa’ jissielet u refa’ 250kg fid-deadlift u b’hekk għamel total ta’ 602.5kg.
Mark Formosa li għandu rekord dinji fil-benchpress, ġie l-ewwel fil-kategorija ta’ taħt il-100kg b’refgħat ta’ 245kg fl-isquat, 200kg fil-benchpress, u 290kg fid-deadlift, għal total ta’ 735kg. Formosa kiseb riżultati tajbin ħafna, tant li issa qiegħed fl-ewwel post fir-rankings nazzjonali. Formosa fil-fatt ħa post Mario Mifsud bi kważi 9 punti.
L-MDFPA tawgura lir-reffiegħa tagħha li kisbu rekords personali, li kabbru l-esperjenza tagħhom fil-powerlifting, u fl-aħħar mill-aħħar li għamlu unur lil Malta permezz tal-piżijiet li refgħu.
Tnejn minn dawn l-atleti li telgħu l-Ingilterra qegħdin ukoll iħejju u jistinkaw biex jerfgħu fil-Kampjonati Dinjin tas-Single Lifts taħt il-World Drug-Free Powerlifting Federation li se jsiru għat-tieni darba f’Malta fl-1, 2, u 3 ta’ Ġunju f’San Ġiljan, li se tiġi organizzata mill-Malta Drug-Free Powerlifting Association.
Biex tara aktar ritratti tal-kompetizzjoni agħfas hawn.
Comments